Dependency Tree

Universal Dependencies - Maltese - MUDT

LanguageMaltese
ProjectMUDT
Corpus Parttrain
AnnotationČéplö, Slavomír; Zeman, Daniel

Select a sentence

Showing 602 - 701 of 1123 • previousnext

s-602 Iż-żewġt itfal daru jħarsu lejh b'għajnejhom mimlija biża'.
s-603 'Tinkwetawx,' qalilhom bi tbissima, iżda ma tantx kien ta' sabar, lanqas għalih innifsu.
s-604 Kien jaf x'ser jagħmlulhom, dawn in-nies ma kellhom stonku joqtlu lil ħadd.
s-605 Jista' jkun li lit-tfal jeħduhomlu, jżommuhom hawn, iżda lilu jibagħtuh lura żgur.
s-606 Illum stess.
s-607 Ħamsa u għoxrin kienu wisq għalihom it-tlieta.
s-608 Ma kienx jiddubita miż-żewġt itfal, kienu wrewh diġà xi jsarrfu.
s-609 Iżda mhux kontra ħamsa u għoxrin f'daqqa.
s-610 Issa nħallihom jaqbduni, x'aktarx jagħmluli xi diskursata l-Kunsill tad-disgħa ... tat-tmienja issa! ... u jitfgħuni 'il barra.
s-611 Ix-xemx kien għadha kif niżlet xi ftit waqtiet ilu u x-xefaq kien għadu ħamrani.
s-612 Kienu jinsabu fuq Ras il-Pellegrin, moħbija bejn erba' blatiet kbar weqfin, donnhom snien ippuntati telgħin 'il fuq lejn is-sema.
s-613 Ma kellhomx fejn jaħarbu iżjed.
s-614 ' Damjan, Sa-marin, isimgħuni.
s-615 M'għandniex ċans kontrihom illum.
s-616 Ħalluhom jiġu.
s-617 Jasal iż-żmien meta nkunu aktar lesti, u nieħdu lura dak li hu tagħna.
s-618 Issa agħtuni daqqa t'id, żommuni ħalli nagħmel ta' bir-ruħi li ma nistax nimxi sew, b'hekk ma jiħdulix dak li ġġilidt għalih. '
s-619 Damjan u Sa-marin resqu qribu, wieħed kull naħa u straħ magħhom, imbagħad baqgħu jistennew hemm.
s-620 F'daqqa waħda ħass leħen f'moħħu, leħen li kien sar jagħraf u jistmerr.
s-621 ' Oħroġ minn hemm!
s-622 Nafu fejn kiegħed tinħeba, m'għandekx fejn taħrab iżjed.
s-623 Xerridt id-demm fejn katt ma kien nxteredt, żrajt il-mibegħda fejn kien hemm l-imħabba, skejtna l-għira u dewwaktna l-ħażen.
s-624 Oħroġ ja assassin. '
s-625 Ftit wara, leħen oħxon u qawwi nstema' jidwi mal-blat tal-Ġnejna minn taħthom.
s-626 ' Il-ħin tagħkom wasal.
s-627 Oħorġu fil-beraħ. '
s-628 Mikiel taptap tnejn fuq spallet it-tfal.
s-629 'Imxu,' u t-tlieta li huma ħarġu minn wara l-blata wieqfa li kienet qed taħbihom.
s-630 Waqfu hemm jistennew.
s-631 Mingħajr ma ntqalet kelma oħra, il-ħamsa u għoxrin għassies daru dawra mejt magħhom u bla kliem u bla sliem ġagħluhom jimxu 'l isfel lejn il-wied, minn fejn bdew telgħin bil-mod il-mod lejn Wied is-Santi.
s-632 Baqgħu mexjin għalkemm kien beda jidlam, b'Mikiel miexi bejn Damjan u Sa-marin izappap.
s-633 Il-qamar tela' nofsu mixgħul, nofsu mudlam, u fid-dawl fiddien tiegħu imxew fis-skiet lejn Ħaġar Qim.
s-634 Fuq barra tal-Maqdes l-għassiesa waqfu, imbagħad ħames għassiesa daħħlu lil Mikiel ġewwa ċirku tal-ġebel impoġġi fl-art, kull ġebla tiddi lewn il-qamar, u waqa' għarkupptejh fin-nofs taċ-ċirku.
s-635 Iż-żewġt itfal ħarbu minn idejn l-għassiesa l-oħra li kienu waqfu barra u daħlu fiċ-ċirku maġenbu.
s-636 ' Damjan, Sa-marin, ejjew lura.
s-637 Dik mhux il-ħajja li tridu!, ' għajjat Abram.
s-638 Iżda t-tfal kull ma għamlu xenglu tnejn rashom, imbagħad poġġew idejhom fuq spallet Mikiel, biex juruhom x'fiħsiebhom jagħmlu.
s-639 Ix-Xiħ mexa lejn il-Bieb u daħħal il-muftieħ f'postu, imbagħad mexa lura u wieħed mill-għassiesa li kien hemm ġewwa ċ-ċirku dawwar il-muftieħ.
s-640 Dawl qawwi feġġ quddiemhom mis-smewwiet.
s-641 Ix-Xiħ ħares lejhom.
s-642 'Morru u terġgħux tiġu 'l hawn.'
s-643 12 - L-ewwel snin bħala għalliem
s-644 Skola: Qisha dar kbira apposta ghat-tfal.
s-645 Dawn kollha jġorru magħhom basket jew bagalja mimlija kotba u pitazzi.
s-646 Darba għaddieli minn moħħi li forsi t-tfal imorru t'dal-post biex jitgħallmu xi haġa.
s-647 Iżda ma jistax ikun.
s-648 Li kieku kien hekk, kieku t-tfal mhumiex daqshekk kattivi magħna l-annimali, storbjużi, arditi u giddibin.
s-649 U jekk tarawhom ħerġin mill-iskola: iwerżqu, jimbuttaw u jiġġieldu, żgur taċċertaw ruħkom li hemm ġew ma jkunu tgħallmu xejn.
s-650 Jien aktar naħseb li t-tfal imorru l-iskola bħala kastig.
s-651 - Il-Ktieb tal-Fenek l-Aħmar
s-652 Xahar u nofs wara l-mewt ta' ommi bdejt ngħallem fl-iskola primarja taż-Żejtun.
s-653 Kont applikajt biex jibagħtuni f'dik l-iskola u ġietni żewġ.
s-654 Mill-grupp li konna studenti flimkien il-Kulleġġ, kienu bagħtu tlieta minna ż-Żejtun: Frans Mercieca, Michael Psaila u jien.
s-655 L-ewwel esperjenza tiegħi fil-klassi xejn ma kienet waħda sabiħa.
s-656 Kienu tawni ngħallem il-klassi 3C (l-ekwivalenti tal-Year 5 tal-lum) u meta ġbart lit-tfal mil-lista li tawni u mort fil-klassi li indikawli, insib li l-kamra kienet art u saqaf.
s-657 Baħħ.
s-658 Wieħed mill-għalliema qalli: 'Issa għid lill-purtinar iġiblek il-bankijiet!'
s-659 Il-Kulleġġ tgħidx kemm kienu jgħidulna li l-ewwel impressjoni tagħna mat-tfal hija kruċjali, li mill-bidu nett jeħtieġ nurihom x'se jkunu l-parametri tagħna, l-ambjent li rridu nibnu... eċċetra eċċetra.
s-660 U jien ħadt lit-tfal ġo klassi vojta!
s-661 Sa ma wasal il-purtinar, ippruvajt inkellimhom ftit, bilwieqfa b'daharhom mal-ħajt tal-klassi.
s-662 Ma nafx jekk kinux ħassew li fil-klassi tiegħi se jsibu ruħhom daharhom mal-ħajt!
s-663 Sa fl-aħħar il-purtinar wasal.
s-664 'Ħeqq... bankijiet żejda m'għandniex,' qalli malli lemaħ il-klassi battala.
s-665 'U blackboard u mejda u siġġu u cupboard,' kont pront weġibtu.
s-666 Beda jħokk rasu.
s-667 'Issa nara mnejn illaqqatlek xi ħaġa,' qalli.
s-668 U tassew kelli klassi tat-tilqit: bankijiet imżegilgin, blackboard ta' qabel il-gwerra, mejda li wiċċha jfakkrek f'mappa tal-underground ta' Londra u gwardarobba b'żewġ ċappetti neqsin.
s-669 Xtaqt kieku xi ħadd mill-Brothers u l-lecturers tal-Kulleġġ kellu jiġi jagħti titwila f'dil-klassi tiegħi.
s-670 Forsi kellu raġun dak ix-xi ħadd li kien qalilna li meta tibda tiffaċċja l-klassi trid tinsa dak kollu li tkun tgħallimt.
s-671 Dik il-ġimgħa stess kont bqajt l-iskola wara l-ħin; tajt passata undercoat lill-blackboard (biex tal-anqas seta' jkun konsistenti ma' ismu), irranġajt iċ-ċappetti tal-gwardarobba, issudajt kif stajt il-bankijiet li kienu ċaqlembuta u ksejt il-mejda tiegħi bil-kartun u brownpaper.
s-672 Din l-operazzjoni bqajt nagħmilha minn żmien għal żmien, għax il-bankijiet kienu dejjem sejrin mill-ħażin għall-agħar.
s-673 Ħafna mit-tfal li kelli dik is-sena kienu fuq ruħhom ġmielhom.
s-674 U jien, moħħi mimli bl-idealiżmi tal-Kulleġġ, xejn ma kont tolleranti.
s-675 Kont irrid kollox kif għandu jkun u meta bdejt nara li m'iniex nilħaq l-għanijiet tiegħi, bosta drabi kont naqta' qalbi.
s-676 Niftakarni ngħid: ' Imma jien x'fettilli sirt għalliem... hawn, imsakkar mat-tfal il-ħin kollu.
s-677 Jekk tħallihom minuta waħidhom imqar sa ma tmur sat-toilet jagħmlu straġi! '
s-678 Kien hemm waqtiet meta bdejt nikkunsidra serjament li nfittex xogħol ieħor.
s-679 L-unika tama u konsolazzjoni li kelli kienet li forsi xi darba mmur ngħallem fi skola sekondarja biex minflok naħli l-ħin ngħallem ir-Reliġjon, il-Matematika, il-Ġografija, in-Nature Study u s-suġġetti l-oħrajn kollha (li lili qajla kienu jinteressawni), nibda ngħallem biss l-aktar żewġ suġġetti għal qalbi: il-Malti u l-Arti.
s-680 Reno Caruana
s-681 Iżda għalkemm matul din l-ewwel sena tiegħi xejn ma kont kuntent, kien hemm ftit fatturi li kont inħosshom jibbilanċjawli dawn id-dwejjaq.
s-682 Waħda minnhom kienet il-ħbiberija ma' Reno Caruana.
s-683 Lil Reno kont ili li sirt nafu.
s-684 Kien akbar minni xi 10 snin, għamel żmien ħabib ma' ħija Rene u meta konna noqogħdu fid-dar ta' Triq San Piju X, ġieli anki ġie għandna.
s-685 Reno kien bniedem ta' kultura kbira: kien idoqq il-vjola, appassjonat bil-mużika serja, iħobb il-letteratura, jaf l-Esperanto, u fuq kollox bniedem umli u kwiet li dejjem lest jisimgħek.
s-686 Fil-brejk konna nqattgħu ħafna ħin flimkien, nippassiġġaw u nitkellmu fuq dawn is-suġġetti li semmejt.
s-687 Reno introduċieni mal-mużika serja, mas-sinfoniji ta' Beethoven, mal-orgni ta' Bach, ma' Mozart, Ravel, Stravinski, Tchaikovski u l-bqija.
s-688 Sa dak iż-żmien kien mingħalija li l-mużika serja tibda u tispiċċa fl-opra lirika.
s-689 Mhux l-ewwel darba li kien iġibli tapes (open real) ta' xi sinfonija u fil-brejk noqogħdu nisimgħuha flimkien fuq dak it-tape recorder famuż tiegħi.
s-690 Hekk kont smajt għall-ewwel darba l-Ħames Sinfonija ta' Beethoven, fil-klassi tiegħi matul il-brejk, b'Reno b'subgħajh lesti fuq il-buttuna tal-pause biex meta jidhirlu jwaqqaf il-mużika u jikkummentali dwar dak li jkun ġej.
s-691 Bil-mod il-mod jien u Reno sirna ħbieb kbar.
s-692 Meta żżewwiġt bdejna mmorru għand xulxin ta' spiss: fil-Milied, barbikjus fis-sajf, u passiġġati l-Ħdud waranofsinhar.
s-693 X'aktarx konna nkunu grupp ġmielu: Frans Mercieca, Joe Huber (li kont iltqajt miegħu l-kulleġġ meta jien kont freshman u hu senior, u li kien ġie jgħallem it-Taljan fiż-Żejtun), Charles Vella Haber u Vince Piccinino, ilkoll bin-nisa tagħna u t-tfal.
s-694 Reno kellu karattru uniku.
s-695 Minn barra jidher serju, awstier u jġiblek suġġizzjoni, iżda malli jkun fi grupp ta' ħbieb intimi kien jibda jirrakkonta ċ-ċajt bl-istess solennità tipika tiegħu u jaqsam lil kulħadd bid-daħk.
s-696 Dawn sħabi li għadni kemm semmejt żgur jiftakru f'dik l-ikla tal-Milied li konna għamilna fid-dar ta' missieri, meta Reno beda jirrakkontalna ċajta minn tiegħu, li tant kien beda jżewwaqha u jħawwarha li fl-aħħar spiċċajna nitolbuh bil-ħniena biex jieqaf għax kulħadd ħassu sa jaqla' dak kollu li kien kiel.
s-697 Meta kont ippubblikajt il-ktieb ta' poeżiji għat-tfal Dawra Durella u miegħu ppubblikajt ktejjeb ta' notamenti għall-għalliema, kont tlabt lil Reno biex jikkomponili l-mużika għal xi wħud mill-poeżiji.
s-698 U Reno feraħ bil-proposta tiegħi u niftakru jgħidli: ' Bis-saħħa tiegħek erġajt bdejt nikkomponi xi ħaġa.
s-699 Kont qed nibża' li nsejt kif! '
s-700 Jien u Reno konna morna nitgħallmu l-karozza flimkien għand L-Akkwati taż-Żejtun.
s-701 Reno xi drabi kien jippanikja mix-xejn u dakinhar li morna għat-test kien eċċitat ħafna u spiċċa biex m'għaddiex.

Text viewDownload CoNNL-U